‘Grazzi Mulej, li għaddew’Hekk għidt wara li tħabbru r-riżultati tal-Elezzjonijiet Ewropej li għadhom kif għaddew. Waqt li nifhem li l-politika hija importanti ħafna għal-hajja tan-nies imma nifhem ukoll li meta jkollok doża kontinwa ta’ politika, tiddejjaq u ddawwar l-istazzjon tat-televixin fuq xi haġa oħra.
Għax imbagħad nibdew nirrepetu l-istess argumenti u l-istess kritika. Anki meta hija vera, ma tridx tisma’ iżjed biha.
U meta n-nies jibdew jitilfu l-interess fil-hajja politika dan ifisser li l-hajja tan-nazzjon tmur lura.
Meta nħares lura nista’ nħares b’iktar oġġettiva’ ta’ dak li gara u għaliex. Hemm ħafna mitoloġija mdawwra mal-elezzjonijiet Ewropew. Nixtieq imsemmi xi wħud minnhom.
L-ewwelnett dawn ma kienux fuq ‘issues’ Ewropej daqskemm vot ta’ fiduċja fil-Gvern tal-ġurnata u kif in-nies jaħsbuha dwar l-Oppożizzjoni tal-lum. Ħlief l-Alternattiva Demokratika, xi mdaqqiet, il-Partiti jevitaw li jiddiskutu fit-tul ‘issues’ strettament Ewropej.
L-Alternattiva Demokratika (AD) trid issib saqajha fil-hajja politika ta’ Malta. M’għandix dubbju li kellha skop, għandha skop u jibqa’ jkollha skop. L-AD jqajjmu ‘issues’ li ħafna politiċi jibżgħu jqajjmu u jieħdu ‘stand’ ċara fuq bosta minnhom. Tkun taf fejn qiegħed magħhom.
Imma l-AD ma tistax tibqa’ biss ‘pressure group’ fuq ‘issues’ partikulari. Tinsab fil-politika mhux biex tibqa’ leħen fid-deżert imma biex tgħin fil-bidla tal-pajjiż. Hija wkoll trid tpoġġi lilha nnifisha biex xi daqqiet, f’ċerti ċirkustanzi, tmexxi hija wkoll ix-Xarabank jisimha Malta.
Biex tagħmel dan, ma tibqax biss leħen fid-deżert, l-AD trid tagħmel riformi kbar fil-viżjoni tagħha. Tbiddel in-nies u tbiddel it-tmexxija.
Minn barra, l-AD tidher dejjem bl-istess uċuh: intelliġenti, ġenwini, anzjani.
Il-Laqgħa Ġenerali li ser jagħmlu fix-xhur li ġejjin, nittama, li jkollhom il-kuraġġ li jieħdu deċiżjonijiet li jagħtu spinta ‘l quddiem lil dan il-Partit.
Dis-sena veru b’ċikka biex ma ġewx maqbuża minn Norman Lowell waħdu. Dan Norman mhux tant ‘normali’. Anzi jappella ghall-aghar sentimenti li għandna go fina: dawk li nwaħħlu f’min hu żgħir u dgħajjef għal kull ħażen li hawn madwarna.
Bħalma kien jagħmel Hitler dwar il-Lhud u l-omosesswali li kien jiddemonizzahom biex farfar il-ħtija tal-problemi fuqhom. L-istorja kienet u għadha u tibqa’ t'irrepeti ruħha.
Noħlom li waqt li AD tibqa ’zzomm l-identità’ tagħha imma ssib ‘modo di agire’ differenti.
Noħlom li jgħaddu ligijiet bit-timbru u bl-isem tal-AD.
Bħalma hemm ‘private members’ bill’ biċ-ċans li parlamentari jistgħu jieħdu l-inizjattiva fuq ligijiet ġodda, hekk ukoll AD jista’ jkollha ftehim mal-Gvern fuq programm leġislattiv.
L-AD ma jistax jibqa’ ‘partit’ fl-oppożizzjoni għal dejjem. L-iskop ta’ partit hu li jinfluwenza l-leġiżlazzjoni u juri li hu relevanti fid-dinja tal-lum, mhux biss fl-idejat, imma wkoll fl-applikazzjoni ta’ dawn l-idejat.
Tagħlima oħra li ħadna f’dawn l-elezzjonijiet Ewropej tolqot is-sehem konkret tan-nisa Maltin fil-bini tas-soċjetà’ ġdida. 16% parteċipazzjoni fl-aħħar elezzjonijiet u erbgħa minn sitta nisa eletti fil-Parlament Ewropej juru l-progress li qed jagħmlu n-nisa mhux biss bħala dekorazzjoni tas-soċjetà’ imma bħala bennejja attivi għal soċjetà’ ġdida u kultura ġdida.
Dr Helena Dalli ħadet deċiżjoni importanti dan l-aħħar: Wessgħet il-Kummissjoni tad-Drittijiet għal-Ugwaljanza għal Kumissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Ministru Dalli taħdem fil-kwiet u tasal għat-‘targets’ li jkollha. Imma d-deċiżjonijiet u l-implimentazzjonijiet tal-programm elettorali imorru ‘l hemm minn din il-leġiżlazzjoni. Bħal fl-imgħoddi, mexxiet ‘l quddiem id-drittijiet tan-nisa, il-gwerra kontra l-vjolenza domestika, u issa d-Drittijiet Umani.
Id-Drittijiet tal-Bniedem huwa l-isem il-ġdid tal-ġustizzja u l-liberta’.
Riflessjoni oħra tal- aħħar elezzjonijiet kienet ir-rwol ta’ Zaren Bonnici tal-Ajkla. Spiċċa b’elf u tlett mitt vot…riżultat rispettabli meta tqis l-istorja ta’ Zaren u l-Ajkla tiegħu.
Ġieli nkun għaddej waqt ‘meeting’ tiegħu. Ma jkollu lil ħadd quddiemu imma xorta jiġbed l-attenzjoni ta’ dak li jkun. Mhux biss għax kapaċi jkisser mit-tensjoni politika li ġieli titla’ għar-ras imma wkoll għax qed iwassal messaġġ.
Il-politika Maltija dejjem għandha bżonn ta’ Zarenijiet u tal-Ajkli.
Minn dawn l-elezzjonijiet ħarġet il-lezzjoni kif l-Ewropa, jekk tibqa’ bil-politika t’issa qed issir dejjem iżjed irrelevanti għal ħtiġiet taċ-ċittadini. L-awsterita’ ġabet magħha problemi enormi mhux biss għan-nies komuni imma għal gvernijiet ukoll, il-ftehim neo-liberali mal-Amerika (it-TTIP), l-atteġġjament imperjalist fil-politika barranija u l-ħsara lill-ambjent huma temi li Ewropa Ġdida trid tieħu wisq iżjed bis-serjetà’ milli għamlet s’issa.
Matteo Renzi fl-Italja, Joseph Muscat f’Malta huma tnejn minn bosta politiċi ġodda li ser jibnu l-“EWROPA SOĊJALI "li tant nisimgħu biha imma ma tantx naraw.
It-telfa tal-PN nittama li ma sserviex biex il-Gvern ikollu membri li f’ismu tikbrilhom rashom u jibdew iħarsu lejn in-nies bħala oġġett li tużah u tarmih. Iva, hemm tendenza li meta tirbaħ elezzjoni waħda wara l-oħra tibni madwarek klassi diriġenti li jaħsbu li għandhom il-monopolju tal-verità’ jew li ser jibqgħu imexxu huma għal dejjem.
Ir-rota dejjem iddur: min hu fuq illum, jispiċċa fl-art għada. Din hija l-liġi tad-Demokrazija.
Il-politiku supperv, li minn dejjem kien u minn dejjem jibqa', jagħmel ħafna ħsara lill-partit li jidher li qed jitkellem f’ismu.
Kull partit, kull Gvern, irid ikollu makkinarju intern biex dawn in-nies ‘potenti’, li fil-fatt huma ‘impotenti’, jiġu kontrollati mill-ewwel għax inkella n-nies, bħalma huwa ġust, tikkontrollahom hi bil-vot tagħhom. Ir-rispett trid tiksbu u mhux jagħtihulek il-poter. Anzi l-poter, ħafna drabi, jservi biex jikkorrompi lill-politiku li tant ikun mitluf fil-poter li l-anqas biss jinduna kemm qed ikun arroganti u skifuż.
1 JUNE 2014
No comments:
Post a Comment