Marki tas-saqajn zghar zghar….bil-kemm stajt taghti l-ewwel pass…imma dawk il-marki ser jibqghu ghal dejjem minquxa f’qalbna….
Mulej, kemm xtaqt lil din it-tarbija nzommha fuq riglejja u nkellimha dwarek, imma issa li ma kellix ic-cans li naghmel dan, nitolbok,
Mulej, li zzomha soda fuq riglejk u tghidilha dwari?
…Inti prezzjuza f’ghajnejja, u naghtik gih, ghax jiena nhobbok… (Izaija, 43:4)
L-ISTORJA TA’ ALLY, mietet qabel twieldet…
Kien l-aghar funeral li qatt ghamilt. Xtaqt m’ghamiltux. Imma ridt inkun hemm, prezenti, fis-silenzju.
Ghax quddiem il-mewt mhemmx xi tghid. Quddiem il-mewt ta’ tarbija kull kelma ssir zejda, bla sens.
Sa hmistax ilu konna lkoll ferhana nistennew lilu jew lilha...Kellha tkun l-ewwel tarbija ta’ Keith u Rachel
Rajna l-ultra sound, bil-kulur u multi-dimensjonali. It-teknologija tal-lum li ggiblek quddiem ghajnejk il-misteru tal-hajja f’guf l-omm. Miraklu u kapulavur li ebda bniedem ma jista’ jinseg
Qalulna li kellha tkun TIFLA
U bdiet il-‘glieda’ insibulha isem. Kulhadd ta l-parrir siewi tieghu....minn ghal xi nanna jew xi nannu...
Imma kienu l-genituri li ddecidew, bhal Zakkarija u Elizabetta: Isimha jkun ALLY
Issa dik it-tarbija ghandha isem, ser tkun maghrufa u msejjha b’isem li jiddistingwiha minn kull holqien iehor....U stennejna ...ftit gimghat ohra...
Bdejna nixtru l-ilbies tat-trabi, prams, toys, ta’ kull tip, ilwien u forma…Kollox lest biex nilqghu lil ALLY fid-dinja M’ghandix dubbju li kienet ser issib dinja li tilqaghha, tistenniha u hafna, hafna imhabba…
Waslet fit-32 gimgha…issa tista’ titwieled diga’…ghax diga’ ffurmata u lesta biex tghix indipendenti minn guf l-omm…
Kull daqqa fuq zaqq ommha kienet tfisser li Ally hija hajja, mimlija hajja, taqbez, iddur, tghum …
Kulhadd lest ghat-twelid ta’ ALLY…
Ghaddew jumejn ohra…32 gimgha u jumejn…
U ALLY MA BAQGHETX TIEHU N-NIFS IZJED…
Ma baqghetx ticcaqlaq… L-omm ma baqghetx thossha…
Girja l-isptar…
ALLY kienet mietet, hekk bla kliem u bla sliem…
Il-holm sefa’ fix-xejn…
Warrabna t-toys tal-baby, l-ilbies ikkulurit taghha li kellha tilbes.. Issa mhemmx iktar bzonnhom…
Nistghu narmuhom… Min bir-rabja u min b’nuqqas ta’ tama…
Imma x’gara? Ghaliex f’daqqa? It-tobba qalulna li trid issir l-awtopsja fuq il-gisem zghir ta’ Ally ghax huma stess ma jafux x’gara…Imbaghad harget il-verita’ mhix mistennija: il-kurdun umbilikali li jaghti l-hajja t-tarbija dar m’ghonq it-tarbija u ma setghetx tiehu izjed nifs...
Hadd ma ried jemmen…
Meta mort nara l-genituri ta’ Ally sibthom issummati, maqtughejn mid-dinja madwarhom, ma jafux x’qed jigri...
Ghaddejt sieghat hemm f’dik il-kamra apposta fl-isptar Mater Dei…silenzju u biki, biki u silenzji…kull kelma tinhass vojta u bla sens…
X’tghidilha ‘l Omm ta’ 18-il sena li tilfet l-ewwel tarbija taghha? X’ser tghidli ‘l Missier it-tarbija, bil-kemm ghadu kif ghalaq l-20? Meta l-kbar imutu, tistenniha, ghexu hajjithom…
Imma tarbija li diga’ mejta, l-anqas biss twieldet u diga’ mejta?
7,200 KULJUM
- In-numru ta’ trabi li jmutu fil-guf tal-omm
2.6 miljun
- In-numru ta’ trabi mejta fid-dinja fl-2009
-
(source: The Lancet, Lancet series of Stillbirths)
Ta’ tmien xhur ALLY kienet tarbija li tidher li hi tarbija ffurmata... imma issa riedu jaraw x’tip ta’ operazzjoni jridu jaghmlu biex il-gisem mejjet ta’ Ally johorguh minn guf l-omm...
Cesarja? L-ahjar soluzzjoni, inqas tbatija ghal kulhadd...
Imma c-Cesarja fi stat avvanzat ta’ twelid jista’ jkollha konsegwenzi u komplikazzjonijiet ohra...
Iddecidew li jwelldu t-tarbija mejta b’mod naturali...
U wellduha...mejta.
Almenu, is-soltu, it-tbatija tal-hlas kien jispicca b’hajja f’idejk – u mhux tarbija mejta f’idejk!
U beda r-ritwal li jaghti tifsira lil dak li kien qed jigri: il-psikologa li tisma’ u tghin lil omm u ‘l missier, in-nanniet u l-membri kollha nvoluti...it-tim tat-tobba, ilkoll b’esperjenza professjonali fit-tul, flimkien, bhala tim, hemm prezenti, jaghtu l-appogg u jaghmlu dak kollu li tghallmu matul is-snin...
Quddiem mewt ta’ tarbija anki l-iktar professjonist imharreg biex izomm distanti mill-avvenimenti li qed jigru quddiemu, b’distakk professjonali, xorta wahda jkollu bzonn imur f’kamra ohra biex jibki u quddiem l-ohrajn ixerred dmugh li jipprova jahbi...
Imbaghad lestew kartolina apposta: issib l-isem u l-kunjom, l-omm u l-missier, il-midwife li ghenitha twelled. Il-jum meta twieldet u l-hin...
“I am Ally...I was born on 31/05/2014 at 22.45 at Mater Dei…I am 32 weeks plus 2 days and weigh 1.75 kgs…My mother was cared for Alexia Sciberras…
Qatghulha ftit xahar u poggewh f’borza zghira tal-plastic stapiljata mal-kartolina.
F’pagna ohra hadu l-marki tal-qiegh tas-saqajn, tal-lemin u tax-xellug, u l-istess il-marki tal-idejn tal-lemin u x-xellug...
Dawn il-kartolini huma mhejjija minn ghaqda apposta biex tghin lill-genituri jghixu dan il-mument difficli: SANDS (Malta) Stillbirth and Neonatal Death Society tal-Moviment ta’ Kana.
Imbaghad jaghtu lit-tarbija mejta f’idejn l-omm, il-missier u familjari...l-omm zammitha tlett sighat, thares lejha, tibki, tolfoq...
ALLY,
Ktibt ismek fuq ir-ramel
Imma l-mewg haslu kollu
Ktibt ismek fuq il-pala ta’ jdejja
Imma meta l-ghada hsiltha sparixxa kollox
Ktibt ismek fuq il-karta
Imma gharmejtha wkoll
Poggejt ismek f’qalbi – u ghal dejjem ser tibqa’
Jumejn wara ghamilnilha l-funeral: tebut abjad, imgezwra f’ilbies abjad, u tlaqna mal-karru tal-mejtin lejn ic-Cimiterju ta’ Hal Balzan. Fic-Cimiterju ippruvajt nitlob u nghid it-talb ghal ALLY...ma stajtx inkompli...
Poggewha f’qabar kbir wisq ghal tarbija zghira li ghada kif twieldet...
U ghalqu l-qabar b’gebel kbir u rhama tqila...
Qabel m’ghalquh l-omm poggiet bukkett fjuri ... u zewg soft toys li kellha tiehu maghha...
L-Istorja ta’ Ally ghadha ser tibda....
No comments:
Post a Comment