Tistagħgeb kif il-ħajja hija mimlija sorpriżi. “Alla tas-Sorpriżi” ma jieqaf qatt jissorprendini kemm hi sabiħa l-ħajja u kif l-ikbar rigal li jista’ jagħtini huma n-nies li jlaqqagħni magħhom. Jiġu ta’ kull forma u piz: min abjad, min iswed; min twil u min qasir; min tond u min kwadru… kollha tad-demm u l-laħam, kollha bl-istorja tagħhom. Kull persuna li niltaqa’ magħha niskopri STORJA UNIKA.
M’hawnx bħalha. U lanqas qatt ikun hawn. Alla li huwa mħabba jaħdem ħajjiet in-nies b’mod uniku u xi daqqiet stramb. Jikteb fuq linji mgħawġin biex johloq sinfonija u armonija ta’ mużika mill-isbaħ. Huma dawn in-nies li jinsġu t-tapizzerija tal-ħajja; min wara t-telgħa kollha għoqod u kuluri mħawda u min quddiem armonija u bellezza ta’ kapulavur divin.
In-nies huma rigal. Huma dawn ir-rigali li jagħtuni s-saħħa li ma niqafx, nibqa’ miexi ’l quddiem, u nibqa’ nemmen fl-umanità minkejja tant ipokresija li nara madwari. Imma, iva, għad hawn ħafna nies, ħafna, li huma ġenwini, jafu jħobbu u jafu jesprimu l-imħabba tagħhom.
Nixtieq naqsam magħkom xi stejjer li ltqajt magħhom dan l-aħħar. Konvint li meta esperjenza li ngħix, naqsamha ma’ ħaddieħor dik l-esperjenza ssir verament tiegħi u ta’ dawl għal ħaddieħor.
L-istejjer li se nirrakkontalkom għandhom isem: Luigi u Tereza, Joseph u Lina…
Lina u Joseph: 50 sena
Dan l-aħħar ġiet għall-anniversarji taż-żwiġijiet: min 50 sena miżżewweġ u min 60 sena mizzewweg. Imbagħad jgħidu li ż-żwiġijiet ma jirnexxux! Biżżejjed tiltaqa’ ma’ Lina u Joseph, minn Wied il-Għajn, li għadhom kif iċċelebraw il-ħamsin sena miż-żwieġ tagħhom. Ħamsin sena huma għomor ta’ bniedem. Aħseb u ara ħamsin sena ta’ miżżewġin – mal-istess ‘partner’ u fl-istess dar!
Ma tistenniex li l-magna tal-ġisem tibqa’ taħdem 100 fil-100. Imma proprju fejn hemm il-mard li tiskopri min huma dawk li verament iħobbuk u mhumiex għasafar tal-passa jew tal-istaġun. Impressjonatni kemm Lina Gatt hi ta’ appoġġ kontinwu lil Joseph, żewġha, u li tibqa’ tagħmel minn kollox biex tarah ferħan u kuntent, bla ma jonqsu xejn.
Michael u l-familjari tiegħu organizzawlhom ‘sorpriża’ li min iħobb biss jista’ jorganizza. Bil-moħbi ħejjew programm sħiħ fejn stiednu lill-familjari kollha: bdejna b’quddiesa ta’ ringrazzjament u ta’ tiġdid tal-ewwel IVA li qalu fil-Knisja. Reġgħu biesu lil xulxin, din id-darba, quddiem kulħadd. Xtaqtilhom ħamsin sena oħra ta’ żwieġ flimkien… anġli fis-sema se jibqgħu ibusu lil xulxin, u jżommu idejn xulxin.
Luigi u Tereża: 60 sena dejjem flimkien
Jekk ħamsin sena miżżewġa huma ħafna aħseb u ara sittin sena kemm huma! Ġieli smajt minn jgħid lill-mizzewgin: kieku weħilt għal għomrok il-ħabs tkun ilek diġà li ħriġt!
Imma Luigi u Tereża għażlu li ‘jitilfu’ l-libertà personali tagħhom biex isiru ‘ġisem wiehed’. Hija din it-‘telfa’, il-mewt tal-libertà personali, li tiftah il-bieb għal-libertà ogħla. Nanniet ta’ erbatax (14) u bużnanniet ta’ 5 neputijiet. Ma nafx jekk hux rekord f’Malta. Luigi, 80 sena, 60 sena miżżewweġ mal-istess mara, butcher, siefer biss biex imur Franza biex jixtri żiemel ieħor biex itellaq il-Marsa. “Moripà” ġablu suċċess mhux biss fir-remissa taż-żwiemel imma iktar fit-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Marsa. Tereża, 76 sena, b’disat itfal, nanna ta’ 14 u buznanna ta’ 5. Meta taraha taħsibha xi waħda ta’ 50: timxi mal-moda, iżżomm ruħha tajjeb ħafna u hi l-għira ta’ bosta nanniet tal-età tagħha.
Anki Sophie ċċelebrat, il-kelba King Charles Cavalier, suppost irqiqa bid-‘dry food’ li suppost tiekol imma li llum qisha baga grazzi tal-ikel bil-moħbi li tagħtiha Tereża! Laqtitni din il-poeżija li kitbulhom u qrawlhom in-neputijiet tagħhom: “Id-destin laqqagħkom flimkien… madwar 62 sena ilu. Tfajla Naxxarija u ġuvni Karkariż. Ħaristu lejn xulxin…u qatt ma ħaristu lura. Dik il-ħarsa żammitkom flimkien dawn is-snin kollha. Sentejn wara li żżewwiġtu, mingħajr ħafna festini kbar… l-importanti li kontu tħobbu lil xulxin. Il-Mulej għoġbu jżejjinkom b’sebat itfal.
In-nannu, skont ma jgħidli l-papà, kien raġel ħabrieki li f’ħajtu kellu għan wieħed li jaħdem għall-familja biex ħadd ma jkun jonqsu xejn. Beda jaħdem ta’ biċċier minn età żgħira u ma waqafx qabel għalaq is-70 sena u iktar. Raġel ċajtier u dejjem moħħu kif jara kif ser idaħħak. L-hena tiegħu jikkummiedja taħt xi mejda joqros lil dak li jkun jew jiżbogħ l-uċuħ b’xi tap tas-sufra. Madankollu raġel ta’ dixxiplina kbira. Mhux l-ewwel darba li kienet taqbiżlek, nann, eh, imma tinsa wara xi ftit. Kif qegħdin hawn, nagħmlu xi logħba tal-idejn nann? In-Nanna Tereża: żgur li ma kellhiex ħajja faċli… trabbi disat itfal, wieħed wara l-ieħor; tlaħħaq max-xogħol kollu tad-dar u fl-istess ħin lin-nannu fix-xogħol tiegħu. Koka mill-aqwa u l-hena tagħha żżomm ruħha aġġornata mal-moda. Mara b’qalb tad-deheb, li dejjem kienet hemm għal uliedha, fit-tajjeb u fil-ħażin. Mara li taf tisma’, mara li taf tagħder, u fuq kollox omm li taf tohobb.
Għeżież nanniet, għaddew 60 sena miż-żwieġ tagħkom u aħna llum kburin bikom inġbarna hawn biex niċċelebraw dan l-avveniment mill-isbaħ… okkażjoni li mhux kulħadd ikollu x-xorti li jgawdiha. Kunu kburin li rabbejtu 9 itfal u għaddejtulhom valuri mill-isbaħ… Liema valuri għaddewhom lilna, in-neputijiet tagħkom, li nafu kemm tgħozzuna. Illum m’għadkomx zgħar u iktar minn qatt qabel għandkom bzonn xulxin…tiehdu pacenzja b’xulxin u tifhmu lil xulxin…mhux facli… però l-imħabba li bnejtu matul dawn is-snin kollha żgur li ser tgħinkom biex dawn id-diffikultajiet tegħlbuhom.
Inwegħdukom li lilna ser issibuna hemm kull meta jkollkom bżonna… kif kontu intom magħna matul ħajjitna.
F’isem iz-zijiet, kuġini, tfal tal-kuġini kollha nixtieq ngħidulkom:
“Inħobbukom ħafna!”
Torca -25 May 2014
No comments:
Post a Comment